Kollox beda minn ħolma ta’ grupp zgħir ta’ nies li f’Ħ’Attard ikun hemm grupp taż-żgħażagħ soċjo-reliġjuz. Din il-ħolma ma damitx ma saret realtà, hekk kif fl-ewwel t’Ottubru tal-2009, numru ta’ żgħażagħ bdew jiltaqgħu b’mod regolari, u kien hekk li twieled il-grupp YouthReach. Minn dakinhar, ma ħarsux lura, u flimkien ħolqu spazju fejn żgħażagħ setgħu jiltaqgħu biex flimkien jaqsmu l-opinjonijet tagħhom, waqt li jibnu ħbiberiji ġodda.
Iż-żgħożija hija tassew żmien ta’ skoperti godda, żmien ta’ bidla u żmien ta’ deċizjonijet, li mingħajr ma rridu, iħallu impatt fuq il-futur tagħna, kemm dak personali kif ukoll soċjali. Huwa għal din ir-raġuni li ż-żgħożija hija żmien prezzjuz. L-għan ta’ dan il-grupp kien li joħloq kommunità ta’ żgħażagħ, fejn iż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u b’hekk jiskopru iktar lilhom infushom permezz tar-relazzjonijiet magħhom infushom, mal-oħrajn u ma’ Alla.
Il-kelma mxiet. Erbatax-il persuna malajr żdiedu. Filwaqt li in-numru mhux importanti, dan kollu wassal biex il-grupp iqawwi qalbu hekk kif beda jirrealizza li dak kollu li kienu ħolqu kien qed jiġbed iktar żgħażagħ, mhux biss minn Ħ’Attard, imma minn madwar Malta kollha.
Is-sabiħ ta’ dan il-grupp jispikka fil-versatilità taż-żgħażagħ li jattendu. Minn studenti, għall-ħaddiema ‘full-time’, minn dawk li jgħixu biss ftit metri l-bogħod miċ-ċentru, għall-oħrajn li ġejjin mill-bogħod, minn sportivi għal dawk li ma jħobbux jiċċaqalqu. Però, l-imħabba li għandhom għal dan il-grupp u lejn xulxin, jgħaqqadhom ilkoll flimkien.
Matul dawn it-tmien snin, YouthReach organizza diversi laqgħat: diskussjonijiet dwar ġrajjiet kurrenti, volontarjat kemm Malta u anke f’pajjiżi oħra, tipi differenti ta’ logħob, irtiri, ‘live-ins’ u ħafna oħrajn. B’xi mod jew ieħor, il-grupp dejjem ta liż-żgħażagħ l-enerġija u l-opportunità li jkunu involuti f’attivitiajiet bħal dawn.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijet tat-tmien sena anniversarju, YouthReach ħargu sit elettroniku ġdid (www.youthreachmalta.org) li fih diversi artikli u informazzjoni dwar il-grupp u l-membri.
YouthReach sar parti integrali fil-ħajja tal-membri. F’ħajja daqshekk impenjattiva, irnexxilhom isibu grupp ta’ ħbieb li saret it-tieni familja tagħhom. Bħal kull grupp ieħor, YouthReach kellu mumenti difficli, madanakollu, dejjem ħarsu ’il quddiem u żammew mal-motto tal-grupp: ‘Be True. Be You. Pursue.’