Kull sentejn isiru l-Olimpijadi fejn ħafna atleti jiltaqgħu f’pajjiż magħżul. Imma ferm qabel ma jibdew dawn il-logħob b’mod uffiċċjali, issir ġirja waħda li tibda minn ġewwa l-Greċja u li tispiċċa fil-pajjiż li jkun qed jorganizza l-Olimpijadi dik is-sena.
Il-fjamma tinxtegħel mix-xemx li hija s-sors tal-eżistenza tad-dinja, u li tissimbolizza wkoll in-nar li jħeġġeġ f’qalb l-atleti. L-enerġija pura tax-xemx tħeġġeġ lill-atleta sabiex jilħaq il-limiti tat-talent tiegħu b’ħafna eżerċizzju u sagrifiċċji. Dan in-nar dejjem kellu rwol importanti fil-ħajja tal-bniedem. L-għarfien u l-użu tan-nar kien dejjem importanti kemm fl-iskoperti, li bihom il-bniedem kompla jikber kemm fl-iżvilupp tad-dinja, kif ukoll fl-ispirtwalità tiegħu.
Din il-fjamma tibda titqassam minn atleta għal ieħor biex twassal messaġġ ta’ għaqda, paċi u ħbiberija bejn il-popli kollha matul il-vjaġġ. Fl-aħħar ta’ din il-ġirja, fiċ-ċerimonja tal-ftuħ, tasal fl-entratura tal-istadju uffiċċjali fejn tinxtegħel l-ikbar torċa olimpika u tintefa’ biss fl-aħħar ġurnata tal-logħob. Imma għall-atleti, il-fjamma tibqa tħeġġeġ f’qalbhom biex ikomplu jikbru b’mod professjonali u personali.
Din il-fjamma tirrifletti wkoll il-ħajja ta’ grupp volontarju, speċjalment dak taż-żgħażagħ. Il-fjamma li bdiet minn idea jew ħsieb ta’ persuna għandha tiġi mgħoddija mingħand ġenerazzjoni għall-oħra. Biex fjamma tibqa’ ħajja jkun hemm bżonn li wieħed ikebbisha matul il-vjaġġ sabiex il-valuri pożittivi, it-twemmin fiż-żgħażagħ tal-lum u l-imħabba u l-entużjażmu tal-ħajja żagħżugħa jibqgħu jgħaddu mingħand persuna għall-oħra.
Kull persuna li kienet membru ta’ YouthReach, tista’ tistqarr li kienet dik il-fjamma li għenet biex jissoda u jifforma l-karattru tagħhom. Erbatax-il sena ilu, messaġġ mingħand l-Arċisqof serva ta’ xrara għall-fundaturi ta’ YouthReach, li biha kebbsu l-ewwel fjamma. Din wasslet grupp ta’ 15-il żagħżugħ biex jiffurmaw l-ewwel CoreTeam, li mexxa dan il-grupp, u li kompliet tintiret minn żagħżugħ għall-ieħor b’enerġija u entużjażmu biex raw il-grupp ikompli jikber u jilħaq aktar żgħażagħ.
Illum, Coreteam ħa jaqsam din il-fjamma ma’ żewġ membri ġodda, Jade u Martina, li t-tnejn għandhom 17-il sena u li jgħixu Ħ’Attard. Jade u Martina bdew jattendu l-grupp tal-pre-adolexxenti mill-Ġriżma u baqgħu jattendu l-grupp sal-lum il-ġurnata. Illum, it-tnejn telgħin fit-tieni sena tas-6th Form u qed jippreparaw biex jagħmlu l-eżamijiet tal-A-Levels.
YouthReach, il-CoreTeam u l-membri tiegħu, tassew ħerqana biex jaraw din il-fjamma li rċevejna mingħand ta’ qabilna, tgħaddi għal għand dawn iż-żagħżagħ ġodda fil-CoreTeam biex ikomplu jsebbħu u jkabbru lil YouthReach b’tama, ferħ, għaqda u paċi.