John kellu flus kemm jasa’ ġildu. Ħsiebu kien dejjem kif seta’ jagħmel aktar flus u negozju mill-bejgħ taż-żejt. Iżda ta’ ħamsa u erbgħin sena saħħtu bdiet tmur lura. Ħadd ma kien jaf eżatt x’inhi il-marda li ħakmitu. Iljieli twal bla ma seta’ jagħlaq għajn m’għajn. Lanqas baqa’ jiekol għax l-aptit ukoll marlu. Minkejja li mar għand ħafna tobba, ħadd donnu ma seta’ jsib tarf tal-marda tiegħu. Sakemm darba spiċċa quddiem psikjatra u wara li eżaminah qallu,
“Int marid bil-marda tal-flus. Ikollok kemm ikollok, dejjem trid iżjed. Dan il-ħsieb li qed ikiddek. Mhux qed jirnexxielek torqod għax tibża’ li ser jinqala’ xi ħaġa u titlef kollox. Jekk trid tfiq, jeħtieġ li tinqata’ mill-ġibda żejda għall-aktar ġid. Inkella jiddispjaċini ngħidlek, int ma ddumx ma tħallina f’qasir il-għomor.”
“U kif nista’ nfiq meta din il-marda ħakmitni? Xejn ma baqa’ jagħtini gost jekk mhux il-flus.”
“Ibda billi taqsam ġidek ma’ ħaddieħor. Flok tibża’ li ser tfalli, ibda minn issa kun ġeneruż ma’ min hu fil-bżonn”, tennielu l-psikjatra.
U John sema’ minnu. Beda billi waqqaf il-Fondazzjoni Rockefeller u fiha qiegħed ħafna mill-ġid tiegħu biex jgħin lil min kien l-aktar fqir u batut.
Dak li darba qallu l-psikjatra beda’ jseħħ. Beda’ jkun f’aptitu u ma kellux bżonn aktar mediċina biex jorqod. Kien iħobb jgħid, “Meta żammejt kollox għalija, ġidi fgani. Meta qsamt ma’ ħaddieħor, ġidi hjieni.”
Tkun ħasra għalih dak il-bniedem li jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.