Minn tfulitna dejjem smajna bil-poeżija, hekk kif ta’ tfal għallmuna l-Innu Malti. Il-poeżija; biċċa kitba fejn il-kliem jiġu magħżula skont ħosshom u ġmielhom, jiġu rrangati waħda wara l-oħra f’linji qosra, biex vers wara vers jagħtu melodija lil min ikun qed jaqrahom.
Fejn sejrin b’dan kollu? Dan l-artiklu mhux miktub biex nitkellmu fuq il-poeżija. Miktub biex nitkellmu fuq Gabriel, membru ta’ ‘YouthReach’ mill-2010, u membru tal-‘coreteam’ mill-2013. Għalfejn? Għax din is-sena Gabriel għandu proġetti importanti ħafna fil-ħajja tiegħu u għalhekk se jkun qed itemm il-parteċipazzjoni tiegħu fi ħdan il-‘coreteam’ din is-sena. Għalfejn il-poeżija? Għax Gabriel apparti li huwa ggradwat fl-‘accounts’ u jaħdem bħala awditur, għandu ħafna għal qalbu l-Malti u il-poeżija .
Matul dawn is-snin Gabriel kien ta’ importanza kbira għall grupp tagħna. Kellu diversi rwoli fi ħdan il-‘corteam’ fejn ħadem bħala kaxxier, segretarju, membru tal-‘band’ ‘Streams’, kif ukoll ‘group leader’ fost oħrajn. Gabriel kien il-persuna li ħadmet ħafna għall-istatut tal-grupp, u biex il-grupp tagħna jiġi rikonoxxut bħala għaqda volontarja. Iddedika ħinu u qasam magħna l-għarfien u l-esperjenzi tieghu, speċjalment f’avvenimenti kbar bħal attivitajiet ta’ ‘fundraising’, irtiri, ‘live-ins’ u eżerċizzi. Kien il-moħħ wara ħafna mixjiet u ‘treasure hunts’ u laqgħat għaż-żgħażagħ tagħna.
Il-poeta permezz tal-vers, tal-istanza, tar-rima, ta’ l-għażla tal kliem, joħloq kitba li forsi tintesa’ jew ma tintogħġobx, imma li tibqa’ għal dejjem. Dan li jfisser Gabriel għal dan il-grupp. Bħal poeta, kellu ħsieb u viżjoni li wasslu biex jagħti forma lill-proġett tiegħu, ‘YouthReach’, li bħal poeżija, ladarba tinkiteb ma jneħħiha ħadd. L-impenn u d-dedikazzjoni tiegħu matul is-snin wasslu biex naqqxu kitba fil-qalb ta’ kull membru jew ‘leader’ li ħadem mieghu, kitba li żgur ma hi se tintesa’ qatt u li ħa tibqa’ tħalli l-frott fil-grupp tagħna.
Nawguraw lil Gabriel għal din is-sena u snin li ġejjin. J’Alla tibqa’ dejjem bi tbissima, bi prinċipju u bil-fidi, tliet affarijiet li għamluk il-Gabriel li nafu aħna. Żgur li ta’ spiss se nkunu qed ngħidu: “Kieku kien hawn Gabriel żgur hekk kien jagħmel..”