X’inhu? Min aħna? X’nagħmlu? Għalik li qed taqra dan l-artiklu, YouthReach huwa grupp taż-żgħażagħ soċjo-reliġjuż fi ħdan il-parroċċa ta’ Ħ’Attard. Nassigurawk li għalina l-membri ta’ dan il-grupp, YouthReach għandu tifsira ferm ikbar minn hekk u nemmnu li meta ssir tafna, int ukoll tifhem x’irridu nfissru. Ħa nipprovaw nagħmlu dan permezz ta’ dawn l-erba’ kelmiet.

Nista’ ngħid li hawn sibt familja, fejn kull nhar ta’ Ħamis nkun qed nistenna biex niltaqgħu u nqattgħu ftit ħin flimkien – Josef

Reġa’ wasal il-Ħamis. Din hija l-ġurnata li fiha l-membri ta’ dan il-grupp jiltaqgħu. Il-membri flimkien norganizzaw diskussjonijiet, logħob, attivitajiet spiritwali u volontarjat fost oħrajn. Huwa permezz ta’ dawn il-laqgħat li sirna nafu iktar lil xulxin u skoprejna ħiliet li ma konniex nafu li kellna.

Mill-esperjenzi li qsamna flimkien u l-laqghat li organizzajna, tgħallimt ħafna fuq il-ħbiberija, ir-responsabbilta`, it-‘teamwork’, l-ispiritwalita`, ir-reliġjon; imma l-iktar importanti fuqi nnifsi. – Jessica

Logħba Tradizzjonali Maltija tal-Boċċi

Bla dubju, il-laqgħat ta’ diskussjoni huma fost l-iktar li jiġu milqugħa fostna ż-żgħażagħ. Dan forsi minħabba li għadna qed niskopru l-ħajja, u għalhekk nistaqsu u nfittxu t-tweġibiet. YouthReach jorganizza diskussjonijet fuq suġġetti varji b’mod speċjali dwar ġrajjiet kurrenti u argumenti etiċi.

Argumentajt fuq l-iktar affarijiet banali, u fl-istess ħin kelli uħud mill-iktar diskussjonijiet serji u filosofiċi. – Jeremy

Matul is-snin, YouthReach kien il-mezz kif membri setgħu jipparteċipaw f’affarijiet fejn weħidna konna naqtgħu qalbna nagħmluhom. Fost dawn insemmu esperjenzi ta’ volontarjat kemm f’Malta u barra minn xtutna, kif ukoll l-opportunita` li niltaqgħu ma’ żgħażagħ bħalna barra minn pajjiżna.

Tani wkoll l-opportunita` li nesperjenza żewġ attivitajiet organizzati għaż-żgħażagħ  barra minn Malta: ‘Agora’, li attendejt għaliha fl-Italja fl-2010, kif ukoll ‘Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2011’ f’Madrid.’ – Anita

Jista’ jkun tistaqsu, imma grupp taż-żgħażagħ għadu relevanti fil-ħajja tal-lum? Se nipprovaw nwieġbu din il-mistoqsija permezz ta’ risposta li qasmet magħna waħda mill-membri tagħna:

YouthReach sar parti integrali mil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, mhux biss bl-esperjenzi li qsamt u li qed ngħix ma’ din il-familja sabiħa ta’ ħbieb, imma anke l-mod kif naġixxi u naħsibha. YouthReach tani l-opportunita’ niltaqa’ u ngħix esperjenzi ma’ żgħażagħ minn kull parti tas-soċjeta’, għallimni kif inkun żagħżugħa nisranija fid-dinja kemmxejn stramba tal-lum. – Elizabeth

Picnic f’għar

Spiss nisimgħu l-espressjoni U mhux jitolbu biss joqogħdu?! U għalkemm it-talb u l-spiritwalita` huma parti importanti ħafna minn YouthReach, il-grupp jieħu ħsieb ukoll il-parti soċjali u personali tal-ħajja taż-żagħżugħ. Grupp taż-żgħażagħ bħal Youthreach jagħti l-opportunita` liż-żagħżugħ jiskopri lilu nnifsu.

Grazzi YouthReach talli tajtni l-opportunita` li nikber bħala persuna u tal-ħbiberiji li għamilt. – Ilona

Fil-fatt, apparti l-esperjenza personali li joffri YouthReach, il-grupp ħoloq ħafna ħbiberiji ġodda. Ħafna mill-membri jistgħu jgħidu li sabu grupp ta’ ħbieb fejn ma jibżgħux juru min huma u ma jibżgħux jesprimu dak li vera jemmnu fih.

Offra post fejn nista’ naqsam l-opinjonijet u t-twemmin tiegħi mingħajr il-biża’ li mhux se jiġu aċċettati jew kkritikati. F’YouthReach sibt ħbieb ta’ veru li għallmuni l-vera tifsira ta’ ħbiberija. – Joanne

Fil-ħajja mgħaġġla tagħna ż-żgħażagħ faċli nsiru vittmi ta’ rutina ta’ studju/ xogħol/ ħruġ li qas tant ikollna ċans niefqu u nirriflettu fuq dak li għaddejjin minnu. Int li int żagħżugħ, aħsibha ftit! Ilkoll ghandna bżonn żvog, u dan jista’ jkun il-post għalik. Dal-grupp lkoll laqatna b’mod differenti. Jekk imħajjar, nistednuk tagħmel l-ewwel pass int ukoll. Il-familja tagħna tixtieq tiltaqa’ miegħek.

Jien wieħed mill-membri l-ġodda ta’ dan il-grupp, u kont sorpriż bil-merħba li tawni l-membri kollha. – Marvin