X’fih speċjali YouthReach?….Assolutament xejn.

Forsi din mhux ir-risposta li wieħed jistenna meta jistaqsuni din id-domanda. Tqanqal espressjonijiet ta’ taħwid u perplessita’. Imma veru. U xejn xejn, hekk ikolli l-attenzjoni ta’ dak li jkun…u issa tagħkom ukoll.

Ħa nispjega… Nipprova.

YouthReach ma fih xejn speċjali. Huwa grupp ta’ żgħażagħ ordinarji li jgħixu ħajja ordinarja, li jiltaqgħu flimkien darba fil-ġimgħa. Huwa grupp ordinarju. Ordinarju u sempliċi.

Din tistona għax ngħixu fi żmien fejn pjuttost nixtiequ dak kollu li mhux ordinarju. Anzi, nixxenqu għal dak li hu ġdid, differenti, uniku. Nixtiequ l-aħħar iPhone. Nixtiequ l-isbaħ ħwejjeġ. Nixtiequ l-akbar karozza. Nixtiequ nkunu speċjali, straordinarju u spettakulari. Għallinqas ir-riklami hekk jgħidulna. U r-riklami qatt ma jigdbu.

Il-problema f’dan ir-raġunar hu li dejjem ħa jkun hemm xi ħaġa isbaħ, aħjar, jew iżjed tal-aħħar minn dak li jkolli jien. Allura qatt ma nkun kuntent. Qatt ma nsib kwiet.

Pero’ għalfejn qed ngħid dan? U kif inhi ħaġa tajba li YouthReach huwa grupp ordinarju? U sempliċi?

Jien nifraħ li Youthreach huwa grupp ordinarju għax Ġesu kien ordinarju. Wara li qam mill-mewt (possibilment l-iżjed ħaġa straordinarja li qatt seħħet), u meta seta’ jagħmel dak kollu li ried (immaġina lil Superman… imma aħjar), x’għamel Ġesu?

Ġesu tewa l-ħwejjeġ (Ġw 20:7), sajjar (Ġw 21:9) u mar passiġġata (Lq 24:15), fost oħrajn. L-iżjed affarijiet ordinarji. Mundani. Sempliċi.

B’kumbinazzjoni? Ma naħsibx.

Ġesu għex ħajja ordinarja għax jaf li ħajjitna ukoll hija magħmula minn ħafna mumenti ordinarji u tar-rutina. F’ċertu sens nista’ ngħid li Ġesu qaddes din il-ħajja. Għamel l-ordinarju, straordinarju!

F’Youthreach rajt żgħażagħ li jgħixu l-ordinarjeta’ tal-ħajja tagħhom b’mod straordinarju.

Jippruvaw jgħixu l-ħbiberija ta’ bejniethom, il-valuri Nsara, l-imħabba lejn min hu mwarrab u dgħajjef, l-impenn lejn il-formazzjoni.

Biex tkun f’YouthReach ma tridx tkun xi ‘messija’ ieħor. Le. Trid tkun ħabib li lest taqsam l-ordinarju tiegħek mal-ordinarju ta’ ħaddieħor.

Iżda dik ssir l-iżjed ħaġa straordinarja u qaddisa.